“Huwa permezz tal-altruwiżmu u spirtu ta’ komunità ta’ tant nies li l-individwi u l-familji li jirrikorru għand il-Malta Community Chest Fund Foundation jistgħu jserrħu rashom li jsibu l-għajnuna fi żminijiet diffiċli.”
Il-President saħqet dan waqt it-tnedija tal-edizzjoni tal-2016 tal-ktieb tar-riċetti “Tisjir mill-Qalb”, li jinbiegħ b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.
Il-President Coleiro Preca qalet li bis-saħħa ta’ din il-pubblikazzjoni u l-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi, il-Malta Community Chest Fund Foundation se tkun tista’ tiġbor fondi urġenti. “Dawn il-fondi se jiffaċilitaw is-sapport finanzjarju, materjali u professjonali lil familji u tfal vulnerabbli li għaddejin minn tbatija, li jinsabu mwarrba minħabba mard, diżabbiltà, faqar u diffikultajiet oħra, inkluż tfal u żgħażagħ li qed jitrabbew f’istituzzjonijiet”.
Hija saħqet li meta nagħtu l-appoġġ tagħna, “nkunu qed nibagħtu messaġġ li hemm is-solidarjetà fil-qalba tas-soċjetà tagħna. Nibgħatu messaġġ li ħadd, qatt, speċjalment min hu vulnerabbli, mhuwa se jkun waħdu”.
Fl-aħħarnett, il-President irringrazzjat lil dawk kollha li taw sehemhom biex ġie ppubblikat dan il-ktieb, u l-edizzjonijiet kollha ta’ “Tisjir mill-Qalb”. Hija qalet li huwa biss bl-għajnuna ta’ għadd bla qies ta’ voluntiera, koki, akkademiċi, u kollaboraturi li għenu kemm finanzjarjament kif ukoll bl-isforzi tagħhom li l-Malta Community Chest Fund Foundation setgħet toħroġ dan il-ktieb biex jitgawda minn numru kbir ta’ nies.
Il-ktieb “Tisjir mill-Qalb” jinsab għall-bejgħ mill-uffiċini tal-Malta Community Chest Fund Foundation, il-Belt Valletta, mill-Palazz ta’ Sant’Anton, mill-ħwienet tal-kotba ewlenin u online.