Matul il-lejl li għadda, għall-ħabta ta’ nofsilejl, seħħ inċident stradali f’Dawret il-Gudja, il-Gudja.
Seħħet ħabta head-on bejn żewġ vetturi tat-tip BMW u Toyota.
Il-BMW kienet qiegħda tiġi misjuqa minn żagħżugħ ta’ 19-il sena residenti Marsaskala filwaqt li l-vettura l-oħra kienet qed tinstaq minn mara ta’ 22 sena li toqgħod il-Gudja stess.
Fuq il-post issejħu żewġ ambulanzi li ħadu lis-sewwieqa l-Isptar Mater Dei għall-kura. Il-mara ta’ 22 sena ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi tant li tinsab fit-taqsima tal-kura intensiva, filwaqt li ż-żagħżugħ ma sofra l-ebda ġrieħi.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
It-triq imsemmija kellha tingħalaq għat-traffiku għal xi ħin.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom ghaddejjin.