Il-kelb jew kelba Micah (se ngħidu li huwa maskili għall-konvenjenza) jista’ jqis ruħu fortunat – intilef u nstab f’inqas minn siegħa!
Protagonisti f’din l-istorja huma l-membri tal-grupp fuq Facebook “RUBS Puppy Love”. Persuna f’dan il-grupp tellgħat ritratt tal-kelb u qalet li sabitu ħdejn supermarket. Din il-persuna kellha l-qalb tajba li żżommu d-dar tagħha, filwaqt li fuq Facebook għamlet avviż biex jekk xi ħadd tiflu, jagħmel kuntatt magħha.
M’għaddiex wisq ħin li sid il-kelb irrispondiet, bi kliem ta’ gratitudni.
Fid-dawl li spiss nisimgħu stejjer negattivi fuq l-effetti tal-internet jew inkella fuq nies li wettqu atroċitajiet fuq annimali, storja bħal din tinżel għasel.
Sa dan il-ħin, żgur li Micah u sidha jinsabu lura flimkien u jistgħu jgħodduha b’waħda.