Jekk hawn min qed jifraħ għax ġie l-maltemp, forsi għax iħobb temp xitwi, għandu għalfejn ikun grat lejn l-Isqof t’Għawdex Mario Grech. F’ittra li kiteb “lill-Poplu ta’ Alla” huwa qal li dan l-aħħar kien qed iżur xi parroċċi u innota diversi persuni jitolbu lil Alla biex jibagħt x-xita. Qal li din il-fiduċja li n-nies għandhom fil-Provvidenza Divina tferrħu u tikkunslah, għax qal li huwa sinjal ieħor li l-poplu jemmen qatigħ f’Alla.
Fi kliem l-Isqof:
“Meta nqis li din is-sena x-xita għadha mwaħħra, u s-sena li għaddiet kienet skarsa tant li l-wiċċ tar-raba’ kien batut, nagħmel sejħa lill-poplu Nisrani biex, fuq l-eżempju ta’ dawk li semmejt aktar ’il fuq, għalenija nsejħu lil Alla jberikna billi jibagħtilna x-xita f’waqtha.
L-ilma huwa element mill-iktar meħtieġ għall-ħajja. Għalhekk, waqt li nitolbu lil Alla biex ixarrabna bl-ilma mis-sema, nitolbuh ukoll biex il-poplu tagħna jikber fl-għarfien tar-responsabilità li għandna biex ngħassu fuqna nfusna ħalli ma jkunx hemm ħela u serq ta’ ilma. L-ilma naturali jagħmel parti mill-ġid komuni u għalhekk ma nistgħux nabbużaw mill-użu tiegħu. Kulħadd għandu d-dritt li jkollu l-ilma, imma kulħadd hu wkoll fid-dmir li jinqeda bl-ilma bil-qies biex naħsbu fil-ġenerazzjoni futura.
Issa li qed joqrob ix-xahar tal-Erwieħ, nirrikkmanda li nitolbu għax-xita bl-interċessjoni ta’ ħutna li ħallewna u daħlu fl-eternità. Dan anki billi nżuru ċ-ċimiterji, li għalina huma “art qaddisa”. Hemm komunjoni bejnna li għadna f’din id-dinja, l-erwieħ tal-Purgatorju, u dawk li qegħdin jaraw lil Alla wiċċ imb wiċċ. Din l-għaqda bejn is-sema u l-art tinħass ukoll bit-talb ta’ interċessjoni.”
L-Isqof appella biex tingħad it-talba ta’ San Franġisk t’Assisi: “Tkun imfaħħar, Mulejja, f’ħuna l-Ilma, li hu meħtieġ qatigħ, irżin, ta’ siwi, u safi.”