Fis-settur tal-enerġija pajjiżna wera kemm hu avvanzat meta kien wieħed mill-ewwel pajjiżi li qalbu għal dan is-sors ta’ enerġija aktar nadifa.
Dan sostnieh il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament, fejn saħaq li ma nistgħux ma nkunux kburin meta pajjiżna, b’dan il-pjan, irnexxielu jkun konformi mar-regoli Ewropej tal-portijiet li jgħidu li kull pajjiż membru għandu jkollu l-faċilitajiet tal-gass, u mal-istrateġija Ewropea li l-membri Parlamentari Ewropej kollha ivvottaw favuriha fil-Parlament Ewropew din il-ġimgħa.
Fid-diskors tiegħu, Joseph Muscat għamel aċċenn għad-diversi oqsma li jaqaw taħt id-dekasteru tiegħu bħala Prim Ministru fosthom il-qasam tal-ippjanar. Dan il-qasam huwa xhieda ta’kemm dan il-Gvern huwa Gvern tal-bidla meta qasam il-MEPA, fl-Awtoritá tal-ambjent u r-riżorsi u fl-Awtoritá tal-Ippjanar, b’din tal-aħħar saret iktar iffukata u qed tieħu d-deċiżjonijiet.
“Illum l-Awtoritá qed tagħmel affarijiet ta’ sens komun, bħall proċess ta’ regolarizazzjoni t’ affarijiet żgħar li nhediet l-awtorita.” Miżura bħal din, saħaq il-Prim Ministru, qed tagħti poter lill-middle class, mingħajr ma tagħmel inġustizzja ma’ min mexa mal-liġi fiż-żmien.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat irrefera għall-masterplan ta’ Paceville, u stqarr li minkejja dan il-pjan mhux perfett u huwa miftuħ għall-kritika, dan il-Gvern iddeċieda li jieħu azzjoni u ma jħalliex l-affarijiet kif inhuma, fisser kif dan huwa Gvern tal-bidla.