L-iktar konkors tas-sbuħija li jmur lura fis-snin huwa Miss Malta, imwaqqaf 53 sena ilu. Minn dak inhar hawn baqa’ jsir kull sena.
Din is-sena b’kollox intgħażlu 29 tfajla ta’ bejn is-17 u s-26 sena. Dan sar waqt provi apposta li saru f’Ġunju li għadda fejn b’kollox applikaw 51 tfajla.
Is-serata finali ta’ Miss Malta sejra ssir nhar is-Sibt 26 ta’ Novembru, fejn id-29 tfajla ser ikunu qed jirrapreżentaw diversi lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex. Il-‘Miss Malta 2016’ magħżula, ser tkun l-ambaxxattriċi ta’ Malta fil-konkors internazzjonli, ‘Miss Earth’, fis-sena 2017. Il-mudelli jiġu ġġudikati fuq l-isbuħija, l-figura, l-kunfidenza u fuq kollox fuq il-personalità.
It-tfajliet ilhom għaddejjin bil-preparazzjonijiet minn Lulju fejn ittieħdu diversi ‘photo shots’. Ġew mistednin minn diversi kunsilli lokali biex jiltaqgħu magħhom u jippreżentawhom lill-pubbliku waqt attivitajiet differenti. Fost dawn nistgħu nsemmu Swieqi Fest, Casal Fornaro f’Ħal Qormi, Puttinu Cares fil-Kalkara u ljieli Maltin f’diversi rħula oħra.
‘Miss Malta’ mhuwiex biss konkors ta’ sbuħija esterna, imma huwa mezz ta’ kif it-tfajliet jagħrfu iktar il-bżonnijiet ta’ ċertu nies fis-soċjetà. Fost dawn insibu lin-nisa li flimkien ma’ wliedhom qed isofru minn vjolenza domestika. Għal dan il-għan, Miss Malta ħoloq it-titlu ta’ ‘Miss Best Solidarity’ li ser jingħata lil dik it tfajla li tiġbor l-iktar flus għal Dar Merħba Bik, li tilqa’ nisa li qed ibatu minn vjolenza domestika.