L-MHRA (Malta Hotels and Restaurants Association) tinsab sodisfatta dwar iż-żewġ memorandum of understandings li tħabbru lbieraħ mill-Prim Ministru Joseph Muscat, mal-Bank of China u mal-Beijing Caissa International Travel Services li se jkunu qed jattirraw lejn pajjiżna 10,000 turisti Ċiniż sal-2018, li jitilgħu sa 50,000 sal-2020.
Il-President tal-MHRA, Tony Zahra stqarr li din hija aħbar tajba u li hija parti mill-istrateġija li rrakkomandat l-MHRA, li Malta għandha tiffoka aktar fuq il-pajjiżi li jġiebu lejn pajjiżna turisti li jagħtu kontribut tajjeb fl-ekonomija. Il-President qal li dan huwa ż-żmien ideali biex pajjiżna jidħol fi strateġiji ġodda bl-għan li s-settur turistiku ta’ pajjiżna jkun diversifikat u jattira turisti minn swieq differenti sabiex it-turiżmu jibqa sostenibbli fiż-żmien li ġej.
L-MHRA appellat lill-imsieħba soċjali, lukandi, ristoranti u postijiet ta’ divertiment, li joffru kwalunkwe servizz lit-turisti biex ikomplu jaħdmu flimkien u jassiguraw li pajjiżna jkompli jikseb ir-riżultati f’dan is-settur, li finalment jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini tagħna.