Mil-lum, residenti fi djar tal-Anzjani u anzjani li jgħixu fil-komunità, bdew jibbenefikaw mill-użu ta’ tagħmir speċjalizzat relatat ma’ problemi fl-awrina.
Dan se jelimina l-bżonn li joqogħdu jmorru l-Isptar Mater Dei biex jirċievu dan is-servizz.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Mellieħa ġie spjegat kif ta’ kull xahar, l-infermiera tal-Kontinenza, jirċievu madwar mitejn talba dwar anzjani jew nies oħra li jkollhom problema fil-borża tal-awrina.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva Renzo De Gabriele, spjega kif issa dawn l-infermiera se jibdew jużaw apparat apposta li nxtara b’investiment ta’ għaxart elef ewro.
Huwa qal, “Dan huwa servizz importanti nafu l-problema ta’ kontinenza kemm hi kbira fl-anzjani jiġifieri li jkollhom problemi biex iżommu l-pipì jew inkella problemi oħra relatati mas-sistema tal-awrina u allura aħna qegħdin issa noffrulhom servizz professjonali minn professjonisti li jkunu mgħammra b’għodda li huma jkunu jistgħu jagħtuhom pariri u jirreferuhom jekk ikun hemm bżonn għand speċjalisti biex ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.”
Dan it-tgħamir ġdid se jibda jintuża wkoll fl-erba’ kliniki tal-Kontinenza madwar Malta.
Il-Ministru għall-Anzjani u Anzjanità Attiva Michael Farrugia spjega kif b’dan l-apparat se tkun magħrufa mill-ewwel il-kura li jkollhom bżonn l-anzjani.
Huwa stqarr: “Bis-saħħa ta’ dawn iż-żewġ portable bladder scanners, se nkunu nistgħu nagħmlu mhux biss servizz imma wkoll ninvestigaw. Jekk ikun hemm bżonn issir operazzjoni, jekk ikun hemm bżonn pilloli jingħataw u jekk eventwalment ma tantx ikun hemm x’jista’ jsir allura jingħataw ħrieqi ta’ sizes u tipi differenti li jiddeċiedu l-professjonisti tagħna.”
Bħalissa hemm madwar ħamest elef u sitt mitt persuna, minn tfal sa adulti, li jagħmlu użu mis-servizzi tal-kontinenza.