L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed tipproponi li sal-2030, fil-Belt jidħlu biss karozzi li jaħdmu bl-elettriku. Din kienet ewlenija fost sett ta’ proposti li għandhom l-għan li jaraw titjib fl-ambjent tal-Belt.
Dan apparti li jinħarġu permessi ġodda biss għal dawk il-lukandi, appartamenti, ristoranti u postijiet oħra ta’ divertiment li l-operat tagħhom ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. L-Aġenzija pproponiet ukoll li sal-2023 it-trasport għan-nies li jużaw il-Park and Ride fil-Blata l-Bajda, jopera totalment bl-elettriku.
Fi stqarrija l-VCA appellat lill-Gvern ukoll biex fil-budget li ġej jagħti inċentiv u jħeġġeġ lill-komunitajiet, stabbilimenti u negozji fil-Belt biex jaqilbu għall-enerġija solari. Hawn ipproponiet ukoll biex sal-2025 ikun hemm numru ta’ ġonna fuq il-binjiet storiċi bħal Spazju Kreattiv, il-Parlament u l-Bereġ.
L-Aġenzija tenniet li permezz tal-enerġija nadifa u rinovabbli, jitnaqqsu l-gassijiet serra fl-arja u b’hekk tkun qed tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima.