Iffirmat ftehim li se jara t-tnedija tal-Forum għad-Drittijiet taż-Żgħażagħ b’Diżabilità.
Dan il-ftehim intlaħaq wara konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-binja tal-Aġenzija Żgħażagħ hekk kif ġie spjegat li dan il-Forum se jinkludi fi ħdanu għaxar żgħażagħ b’diżabilitajiet differenti u li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn it-13 u t-30 sena.
Dan il-Forum se jwassal l-vuċi t’aktar persuni b’diżabilità kull meta tkun se titfassal politika li tolqothom.
Dwar dan il-Forum, ONE News tkellem ma’ Jeanfred Agius, li huwa membru fi ħdan dan il-forum.
Qal, “L-għan prinċipali tal-Forum naħseb jien huwa li jagħti leħen dirett lill-persuni b’diżabilità li ħadd ma jirrapreżentana iżda aħna nirrapreżentaw lilna nfusna. Naħseb li dan huwa punt importanti li qed ikompli jitjieb biż-żmien u dan huwa moviment li qed ikompli qed jgħin nimxu f’din id-direzzjoni.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan fissru l-mod inklussiv ta’ dan il-forum u kif teżisti l-għodda biex il-persuni b’diżabilità jgħixu ħajja iżjed indipendenti.
Intant waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellmu l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima.
It-tnejn tkellmu fuq vjaġġ edukattiv li fih kull persuna tilħaq il-milja ta’ ħajjitha.
Spjegat, “Meta nitkellmu dwar żgħażagħ qed nitkellmu dwar żgħażagħ li ġejjin minn sferi u abbiltajiet differenti u żgħażagħ ukoll b’diżabilità li għandhom opinjoni b’saħħitha fuq diversi setturi. L-edukazzjoni, il-post tax-xogħol, sesswalità, id-dritt li jkollhom familja u dan il-forum se jagħti l-bidu għal din id-diskussjoni b’saħħitha bi ftehim ukoll li sar ma’ Aġenzija Żgħażagħ.”
Grima qal, “Dan huwa kruċjali biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jsibu l-irwol tagħhom fis-soċjetà u din it-tip ta’ kollaborazzjoni hija kruċjali sabiex propju nagħtu dawn l-opportunitajiet liż-żgħażagħ sabiex ikollhom l-għodda neċessarji sabiex isibu propju l-irwol tagħhom fis-soċjetà inġenerali.”