Dalgħodu, l-Universita’ ta’ Malta bdiet bl-ewwel investigazzjoni sismika kkummissjonata minn Transport Malta, fil-fliegu bejn Malta u Għawdex. L-investigazzjoni hija parti minn studji biex jiġi ddeterminat jekk il-mina bejn il-gżejjer tistax issir. L-investigazzjonijiet ser jgħinu biex jiġi stabbilit il-mudell ġeoloġiku taż-żona li fuqu ser ikun ibbażat id-disinn tal-mina.
Il-vapur Midas Express se jkun qed isegwi proċess bl-għan li permezz ta’ strumenti abbord tinġabar l-informazzjoni meħtieġa. Esperti Taljani flimkien ma’ riċerkaturi mill-Universita’ ta’ Malta ser ikunu qed isegwu din l-informazzjoni.
Transport Malta ħarġet avviż lil baħħara biex dawn jinnavigaw b’attenzjoni speċjalment meta qed ibaħħru fl-inħawi u josservaw ir-restrizzjoni ta’ kilometru ‘l bogħod miż-żona ta’ fejn qed ibaħħar il-Midas Express.
Waqt l-operazzjoni, l-manuvri ta’ dan il-vapur ser ikunu ristretti. Hu mistenni li dawn l-investigazzjonijiet sismiki ikunu lesti sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla meta jibda pjan dettaljat fuq l-investigazzjonijet li jmiss.
Il-vapur Midas Express jinsab f’kuntatt kontinwu mal-kumpanija tal-Gozo Channel biex is-servizz tal-vapur bejn il-gżejjer ma jiġix affettwat.