Numru ta’ persuni diġà għamlu kuntatt mal-Awtorità tad-Djar sabiex igawdu mill-iskema New Hope li ħabbar il-Gvern ftit tal-ġimgħat ilu.
Skema li tagħmel tajjeb għall-polza tal-assigurazzjoni fuq ħajjet persuni li għandhom xi kundizzjoni jew diżabilità anke passata.
Dan sabiex b’hekk huma jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal self mill-banek li jittieħed għal xiri ta’ propjetà.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern fl-Università l-antika fil-Belt. Fl-indirizz tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay tenna li b’din l-iskema qed ikompli jkun ikkonfermat kemm l-Awtorità qiegħda hemm sabiex tassigura li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu, hi x’inhi s-sitwazzjoni li jinsabu fiha.
Huwa stqarr: “In-numri huma fortunatament baxxi. Diġà kellna kuntatti fi ħdan l-Awtorità tad-Djar biex isaqqsu għal din l-iskema, hemm persuni li diġà ġabbru d-dokumentazzjoni meħtieġa u bi pjaċir ngħid li allura qed nuru li l-politika soċjali mhijiex li taħdem skont min jgħajjat l-aktar jew skond ma kemm huma numerużi l-persuni imma li twieġeb għall-esiġenzi reali tal-persuni li jixtiequ jsiru sidien ta’ darhom.”
Il-Kummissarju għall-Persuni b’Diżabilità, Samantha Pace Gasan sostniet ukoll kemm kienet diffiċli s-sitwazzjoni li persuni b’xi kundizzjoni jew diżabilità jkollhom polza tal-assigurazzjoni fuq ħajjithom bi prezz raġonevoli.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Roderick Galdes tenna li fl-aħħar jiem kienu numerużi l-persuni li tkellmu miegħu sabiex jipparteċipaw f’din l-iskema li tassigura aktar inklużjoni fil-qasam tax-xiri tal-propjetà.
Huwa rrimarka kif din l-iskema turi wkoll s-sabiħ tal-kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet sabiex ġiet iffinalizzata din l-alternattiva. B’hekk tenna t-twaqqif ta’ kumitat konsultattiv sabiex jibqa’ jikber l-għarfien u anke din l-iskema.
Huwa qal, “Dawn huma kollha miżuri li bihom permezz anke ta’ din l-iskema se nkunu qed inbiddlu ħajjet in-nies, ħa nkunu qed nagħtu tama ġdid, ħa nkunu qed noffru wkoll futur liż-żgħażagħ, persuni b’diżabilità li għall-ewwel darba se jkollhom aċċess għas-suq tax-xiri tal-propjetà.”
Min-naħa tagħha l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli tenniet li din l-iskema hija xhud ta’ kemm Gvern Laburista ma jrid iħalli lil ħadd jaqa’ lura.
Saħqet ukoll kif din l-iskema tikkumplimenta oħrajn mill-Gvern sabiex jassigura li kulħadd ikun sid ta’ daru fosthom l-iskema tal-first time buyers: “Kellna reazzjonijiet pożittivi f’dawn l-aħħar ġimgħat inkluż minn ġenituri li t-tfal tagħhom ftit tax-xhur ilu ħarġu minn kanċer jew mard ieħor u allura jafu li meta t-tfal jaslu għall-istat tagħhom is-soċjetà, il-Gvern se jkun qed iħenn għalihom u jgħinhom biex jagħmlu l-pass li jixtiequ.”