L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) avżat lill-pubbliku dwar entità li qed topera taħt l-isem Provident Capital Management, u li għandha preżenza fuq l-Internet u li jidher li qed toffri servizzi ta’ investiment u/jew servizzi finanzjarji oħra lil konsumaturi Maltin.
L-MFSA twissi lill-pubbliku, f’Malta u barra minn Malta, li l-entità msemmija hawn fuq MHIX kumpanija reġistrata f’Malta u LANQAS m’hi entità liċenzjata jew awtorizzata b’xi mod ieħor mill-MFSA bix tipprovdi xi tip ta’ servizz finanzjarju.
FI stqarrija fakkret lill-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji biex ma jidħlu f’ebda transazzjoni ta’ servizzi finanzjarji sakemm ma jkunux aċċertaw infushom li l-entità li magħha qed isir it- transazzjoni hija awtorizzata tipprovdi dawk is-servizzi mill-MFSA jew minn xi regolatur ieħor tas-servizzi finanzjarji ta’ reputazzjoni tajba.
Lista ta’ entitajiet liċenzjati mill-MFSA hija disponibbli mingħand l-MFSA u tista’ tiġi aċċessata minn fuq is-sit uffiċjali tal-MFSA fuq http://www.mfsa.com.mt/pages/licenceholders.aspx.