Malta se tkun is-sitt pajjiż fl-Unjoni Ewropea li se ddaħal liġi li tiprojbixxi t-tipjip fil-karozza fil-preżenza tat-tfal. Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tnediet il-kampanja ‘You smoke… they smoke’.
Il-Ministru Fearne qal li kulħadd jirrikonoxxi kemm it-tipjip jagħmel ħsara mhux biss lil dawk li jpejpu, iżda anke lil dawk ta’ madwarhom. “It-tfal li jkollhom l-organi tagħhom bħal pulmun żgħar, it-tipjip passiv jagħmel aktar ħsara. F’postijiet żgħar magħluqa bħalma hi karozza, il-ħsara mit-tipjip passiv hija agħar,” qal Fearne.
Il-Ministru, li bi professjoni huwa tabib tat-tfal, qal li hemm mard fit-tfal li għandu inċidenza akbar fi tfal li jgħixu f’ambjent fejn hemm is-sigaretti, fost dawn il-kundizzjonijiet hemm l-asthma, infezzjonijiet fil-widnejn, kif ukoll każi ta’ cot death u kanċer fit-tfal jista’ jkollhom inċidenza għola.
Fearne qal li f’pajjiżna 20% tal-adulti jpejpu, filwaqt li t-tipjip huwa attribut għal 13% tal-imwiet f’pajjiżna.
Aktar kmieni ħabbarna li l-avviż legali li se tipprojbixxi t-tipjip fil-karozza bit-tfal se titressaq f’Novembru, filwaqt li l-liġi se tkun infurzata mill-1 ta’ Jannar 2017. Wara l-1 ta’ Jannar 2017 min jinqabad ipejep f’karozza mat-tfal jeħel multa ta’ €50.