Tliet tfajliet mill-Kolombja ngħataw sentenza ta’ disa’ xhur ħabs sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €250, wara li ammettew akkużi relatati ma’ prostituzzjoni u burdell.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-Pulizija daħlilha rapport anonimu li f’appartament qed issir il-prostituzzjoni.
Fl-investigazzjonijiet, il-Pulizija marru fl-appartament fejn sabu klijent li qal li ħallas tmenin ewro għas-servizz tat-tfajliet.
Fi tfittxija fil-post instabu diversi sex toys.
Il-Prosekuzzjoni qalet kif il-prostituzzjoni f’dan l-appartament kienet ilha għaddejja għal madwar xahrejn u nofs.
Fil-Qorti ntqal kif it-tfajliet qegħdin Malta biex jistudjaw l-Ingliż u bdew jagħtu servizz sesswali biex iġibu flus li tilfu wara li għamlu xahar kwarantina.
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll kif l-imputati kienu jirreklamaw is-servizzi tagħhom fuq l-Internet.