Għaddejjin l-aħħar tħejjijiet fuq il-padiljun ta’ Malta fid-Dubai Expo 2020, li dalwaqt se tiftaħ il-bibien tagħha għal dinjitarji, imprendituri u turisti mid-dinja kollha għas-sitt xhur li ġejjin.
L-Expo ta’ Dubaj, li ġiet posposta mis-sena l-oħra minħabba l-pandemija, tibda fl-ewwel t’Ottubru u se tkun imsejsa fuq it-temi tas-sostenibbiltà, mobbiltà u opportunità.
Fil-villaġġ se jipparteċipaw 192 pajjiż.
It-tema ta’ Malta hija ffukata fuq il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda biex turi dak kollu li l-pajjiż għandu x’joffri, inkluż l-istorja, il-kultura, it-turiżmu, l-ekonomija u l-industrija.
Il-Ministru Miriam Dalli ddeskriviet l-Expo bħala opportunità biex nuru lid-dinja dak li pajjiżna għandu x’joffri.
L-Expo ta’ Dubaj hija l-akbar avveniment internazzjonali f’termini ta’ skala, tul ta’ żmien u attendenza ta’ viżitaturi.
Sa issa, Malta pparteċipat fi tliet expos fl-aħħar għoxrin sena, u din se tkun it-tieni darba li se tospita l-padiljun tagħha stess.