F’artiklu fuq il-Maltatoday, Raphael Vassallo, kittieb li janalizza l-ġrajjiet kurrenti, innota ż-żmien li fih tar-Repubblika għażlu li jiktbu ittra kontra Malta u bagħtuha lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.
Vassallo nnota kif tar-Repubblika bagħtu din l-ittra fil-jum li l-President tal-Kummissjoni Ewropea kellha żjara uffiċjali f’pajjiżna biex tħabbar l-approvazzjoni tal-Pjan tal-Gvern Malti dwar kif se jinvesti mill-fondi ta’ rkupru.
Fl-ittra, il-President tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina, ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, kiteb fuq l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Aquilina kiteb li f’Malta hawn l-impunità u l-korruzzjoni, messaġġ konsistenti u negattiv bħal dak ta’ deputati Nazzjonalisti bħal Jason Azzopardi.
B’referenza għal din l-ittra, Raphael Vassallo staqsa għaliex l-għaqda Repubblika għażlet li tibgħat l-ittra fil-jum taż-żjara uffiċjali ta’ Von der Leyen u mhux sitt ġimgħat qabel, meta ħarġu l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika.
Vassallo jgħid li t-tweġiba tiġi waħidha.
Innota kif l-ittra ntbagħtet l-għada li f’diskors importanti fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, magħruf bħala State of The Union, Von der Leyen faħħret lil Malta għar-riformi favur is-saltna tad-dritt.
“Kien propju l-Erbgħa li għadda li Von der Leyen urtat bil-kbir lil Robert Aquilina għaliex ma daqqitx id-diska tal-għaqda Repubblika”, kiteb Raphael Vassallo.
Vassallo żied jgħid li Repubblika rreaġġixiet kif dejjem għamlet kontra min ma jaqbilx magħha; tattakka f’dadigħa u tagħmel żbalji imbarazzanti billi tispara akkużi bl-addoċċ.
Raphael Vassallo nnota wkoll żbalji kardinali fl-ortografija u fil-grammatika fl-ittra li kiteb il-President tal-għaqda Repubblika.
Fil-fatt Vassallo appella lil Robert Aquilina li meta darba’oħra jagħżel li jikteb persuna ta’ statura bħal ma hi l-President tal-Kummissjoni Ewropea, l-ewwel idur dawra dak li kiteb.
Fl-artiklu bit-titlu ‘Great: so now the EU is responsible for Daphne’s murder, too…’, Vassallo għalaq billi staqsa lil min imiss, tar-Repubblika jibgħatu ittra.
“Lil Papa Franġisku?”, staqsa Vassallo wara li rapporti fil-midja sostnew fuq possibilment żjara tal-Papa f’pajjiżna lejn l-aħħar ta’ din is-sena.