Il-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali ħabbar li se jinnegozja ma’ sidien ta’ proprjetajiet privati biex jakkwista binjiet li bħalissa huma okkupati mill-każini tal-baned.
Dan biex jipprovdi soluzzjoni ġusta lis-sidien ta’ proprjetajiet privati u jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ żgumbrament ta’ każini tal-baned mill-postijiet li jinsabu fihom bħalissa.
Kumitat magħmul minn esperti se jwettaq in-negozjati mas-sidien tal-proprjetajiet, li se jkunu bbażati fuq parametri predefiniti u konformi mal-missjoni tal-NDSF li tappoġġja proġetti ta’ importanza nazzjonali.
Meta jiġu akkwistati proprjetajiet, dawn il-postijiet jiġu trasferiti lill-każini tal-baned rispettivi, taħt titlu ġdid ta’ kera fit-tul.
Dawn id-dettalji ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, José Herrera u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat.
Il-Ministru qal li dan il-pass seta’ jsir wara proċess metikoluż li matulu, evalwaturi indipendenti pprovdew valur u opinjoni dwar is-siti li jinsabu f’sitwazzjoni prekarja jew diġà f’tilwima dwar l-okkupanza legali tagħhom.
Huwa qal, “L-investiment li se jagħmel il-Gvern huwa bla preċedent għax aħna qed nipproponu xejn inqas milli nixtru dawn il-każini aħna u b’mekkaniżmu li jagħmel sens ekonomiku, nikruh lill-każini tal-baned bi prezz issussidjat biex ikunu jistgħu jaffordjaw li jibqgħu f’dawn is-siti.”
Is-Segretarju Parlamentari sostna li dan il-pass kuraġġuż huwa maħsub li jtemm snin ta’ inċertezza li għaddew minnhom il-membri tal-każini tal-baned u s-sidien ta’ proprjetajiet privata.
Huwa sostna: “Ħa nkunu qed nużaw l-NDSF, dak il-fond li fih warrabna ħafna ġid matul is-snin minn inizjattivi ta’ residenza, sabiex nixtru u ninvestu f’dawn il-każini. Ħa nappuntaw esperti sabiex jinnegozjaw mas-sidien privati u l-intenzjoni tagħna hija li naslu fi qbil, f’kompromess, fejn jintlaħaq prezz ġust għas-sidien privati, prezz li jkun jagħmel sens anki għall-NDSF li tinvesti fl-istess proprjetà u nagħtu finalment serħan il-moħħ lil dawn il-każini li sal-lum mhumiex is-sidien tad-dar tagħhom li mbagħad se jkunu qed jiftehmu mal-Gvern.”
Il-pass tal-lum huwa turija ċara ta’ kemm il-Gvern jagħraf kemm il-baned huma parti importanti mit-tessut soċjali Malti u mill-kultura Maltija.
Din kienet wegħda elettorali fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, li minn dejjem kien konxju mis-sitwazzjoni delikata li jinsabu fiha ħafna każini f’riskju li jitilfu l-proprjetà.