Ktieb ġdid bl-isem ‘Il-Piena tal-Mewt F’Malta’ ser ikun qed ifakkar il-50 sena anniversarju mit-tneħħija tal-piena kapitali f’Malta.
Ftit xhur ’il bogħod minn dan l-anniversarju importanti ONE News iltaqa’ mal-awtur tal-ktieb Edward Attard li spjega kif qabel it-tneħħija tal-piena kapitali mill-kodiċi kriminali lura f’Ottubru tal-1971, il-poplu Malti kien diġà wera b’saħħa li kien kontra din il-piena ħarxa.
Qal li dan b’mod speċjali fl-1963 meta l-aħħar bniedem f’pajjiżna kien ġie kkundannat għall-mewt qabel ma din il-piena nħafritlu mill-Gvernatur.
Qal, “Dak iż-żmien fit-1963 meta ingħat dik il-kundanna, l-poplu qal le. Kien diġa qal le.”
Madankollu, dan is-sentiment tal-poplu, ma kienx l-istess wieħed li kienet tħaddem il-Knisja Kattolika f’Malta.
Edward Attard spjega kif il-knisja qatt ma kienet kontra l-piena kapitali.
Spjega, “Il-Knisja ma kinitx kontra l-piena tal-mewt u nistgħu ngħidu li kien riċenti jiġifieri qisu fl-2018 meta l-katekeżmu tal-knisja imbagħad qal din għandha tispiċċa.”
Huwa spjega kif qabel ma bdiet tingħata l-forka fil-ħabs ta’ Kordin, qabel inbena, kienu jintużaw pjazez differenti madwar Malta sabiex dawk ikkundannati għall-mewt jiġu sfurzati jieħdu l-aħħar nifsijiet ta’ ħajjithom.
Qal, “Kienet issir, il-Furjana kien hemm żewġ postijiet. Kien hemm post lejn Sarrija u kien hemm post qrib fejn illum hemm il-monument tal-Gwerra. Imbagħad fir-Rabat kien hemm żewġ postijiet oħra. Kien hemm f’Misraħ Forok, infatti il-post għadu msejjaħ hekk ‘Misraħ Forok’ jew ‘Pjazza Forok’ u kien hemm is-Saqqajja.”
Edward Attard spjegalna kif il-ktieb jinkludi fih ħarsa estensiva lejn id-dibattitu parlamentari li wassal għat-tneħħija għall-kollox tal-piena kapitali mill-Kodiċi Ċivili.
Spjega kif hemm stejjer ukoll ta’ żbalji li saru waqt l-eżekuzzjoni tal-piena kapitali fejn fost l-oħrajn hemm dubji dwar jekk ġilix indifnu persuni ħajjin minħabba li ma jkunux inqatlu b’suċċess bil-forka.
Qal, “Insemmu wkoll il-moviment li kien beda aktar minn mitt sena ilu fejn sar tentattiv biex il-piena tal-mewt titneħħa u nsemmu wkoll l-iżbalji li setgħu saru waqt l-eżekuzzjonijiet u li l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien ikkoreġihom.”
Fl-aħħar nett huwa innota kif dan l-anniversarju huwa wieħed importanti ħafna għal pajjiżna hekk kif iġiegħlna nagħtu ħarsa lura lejn il-kisba kbira li għamel pajjiżna bit-tneħħija tal-iktar piena inumana li qatt il-bniedem seta’ jimponi fuq bniedem ieħor.