L-attività tal-Partit Laburista tal-Ħadd filgħodu, bħala parti mill-konferenza bit-tema “Inġeddu Malta Flimkien”, iddiskutiet is-settur tas-saħħa.
Il-pandemija tal-COVID-19 u l-effetti tagħha ddominaw id-diskussjoni, imma l-intervent tad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, wera kif il-Gvern Malti ma waqaf qatt jaħseb u jinvesti fil-kura ta’ mard ieħor u f’iżjed servizzi għall-pazjenti Maltin u Għawdxin.
F’kollegament virtwali minħabba li jinsab imsiefer għal konferenza, Chris Fearne ħabbar kif hemm pjanijiet li l-ispiżeriji li jiftħu l-Ħadd filgħodu, jiftħu wkoll waranofsinhar.
Qal, “Bħalissa qegħdin f’diskussjonijiet avvanzati ħafna mal-istakeholders biex l-ispiżeriji nhar ta’ Ħadd mhux biss jibqgħu jiftħu fin-nofstanar ta’ filgħodu imma anki l-ispiżeriji bir-roster jibdew jiftħu nhar ta’ Ħadd waranofsinhar ukoll biex b’hekk il-poplu Malti u Għawdxi jkun moqdi mill-ispiżeriji fil-komunità mhux biss matul il-ġimgħa u l-Ħadd filgħodu imma l-ġimgħa kollha nkluż il-Ħadd waranofsinhar.”
Huwa ħabbar ukoll kif bħalissa għaddejja ħidma fuq servizz ġdid imsejjaħ Crisis Intervention, immirat biex isalva l-ħajjiet.
Qal, “F’każijiet, speċjalment fejn ikun hemm problemi li jistgħu jwasslu għal suwiċidju jekk ma tiħux azzjoni mmedjata, ħa jkollna tim apposta li jkun jista’ jmur fuq il-post, fid-djar tal-pazjenti li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali akuta, u jagħtu s-servizz b’mod immedjat. Dan huwa servizz li qed naħdmu fuqu u fil-ġimgħat li ġejjin inkunu nistgħu nħabbruh.”
Chris Fearne tkellem ukoll dwar l-investiment fl-aktar teknoloġiji avvanzati.
Semma dak li kien proġett pilota ta’ screening fost tfal bid-dijabete.
Spjega, “Dawk it-tfal kollha ta’ taħt is-sittax-il sena bid-dijabete ħa jibqa’ jkollhom is-servizz tal-glucose monitor u fix-xhur li ġejjin se nħabbru kif se nestenduh anki għal snin akbar kif ukoll teknoloġiji oħra li issa ħa nibdew nagħmlu xi ħaġa simili għall-kundizzjonijiet tal-mard tal-qalb.”
Il-Ministru tas-Saħħa qal li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jiddaħħlu mediċini ġodda fuq il-formularju tal-Gvern fosthom għall-kundizzjonijiet tal-fibromyalgia, osteoporosis, għas-saħħa mentali, għall-mard tal-ġilda u għas-servizz tal-IVF.
Intant, fl-attività tal-Ħadd filgħodu tkellmu diversi esperti u ħaddiema fis-settur tas-saħħa, fosthom kirurgu u infermiera, li semmgħu leħinhom dwar dak li jemmnu li huwa tajjeb u dak li jista’ jsir biex is-servizz ikun aħjar.
Il-Professur Stephen Montefort, li jispeċjalizza fil-mard respiratorju faħħar l-avvanzi li saru fil-qasam tas-saħħa u semma fost l-oħrajn kif sal-Ħadd filgħodu stess, kellmu pazjent bis-cystic fibroses u qallu li l-mediċina ġdida li daħħal il-Gvern aktar kmieni din is-sena, bidlitlu ħajtu.