‘Ikber Magħna’, l-ewwel proġett tal-Optimist Club of Malta tnieda flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Birgu, nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Settembru. Optimist Club of Malta hija Organizzazzjoni Volontarja rrikonoxxuta u tifforma parti mill-organizzazzjoni Optimist International Organisation dinjija, li l-missjoni tagħha hija li tgħin oħrajn f’diversi reġjuni madwar id-dinja.
‘Ikber Magħna’ għandha l-għan li tgħin tfal li jattendu l-iskola primarja għandhom bejn 8 u 10 snin u jeħtieġu għajnuna u attenzjoni speċjali fl-istudji u l-homework tagħhom; tfal li qed jgħixu jew jesperjenzaw ċirkostanzi diffiċli. Se jsiru attivitajiet edukattivi extra-kurrikulari flimkien ma’ numru ta’ taħdidiet, bil-għan li dawn it-tfal isibu sostenn lil hinn mill-ħinijiet tal-iskola u jiġu pprovduti b’esperjenzi siewja ta’ bini tal-karattru, li għandu jkun t’għajnuna siewja fil-futur.
Permezz ta’ kollaborazzjoni sħiħa mal-Kunsill Lokali, il-Birgu hija l-ewwel lokalità li ser tipparteċipa fil-proġett ‘Ikber Magħna’ ta’ Optimist. L-ewwel sessjoni se ssir nhar it-Tlieta, 28 ta’ Settembru fil-Berġa tal-Ingilterra, il-Birgu mill-3:00pm sas-6:00pm. Sessjonijiet suċċessivi se jsiru kull nhar ta’ Tlieta u l-Ġimgħa fl-istess ħin u post. Dan is-servizz huwa kompletament bla ħlas.
Madankollu, il-proġett ‘Ikber Magħna’ ma kienx isir realtà mingħajr il-kontribut tal-isponsors li appoġġjaw il-viżjoni tal-Optimist Club of Malta għal proġett tant siewi li se jservi biex ikun ta’ sostenn għal bosta tfal wara l-ħin tal-iskola.