F’intervent fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar il-‘Fit for 55’, pakkett ambjentali li qed timbotta ‘il quddiem l-Unjoni Ewropea, il-Membru Parlamentari Ewropew Maltija, Josianne Cutajar, saħqet li n-nirien kbar li affetwaw lill-pajjiżi Mediterranji, għargħar fin-naħa ta’ fuq tal-Ewropa, u temperaturi għoljin immens li ġew reġistrati fl-aħħar xhur juru li hemm bżonn naħdmu aktar fil-ġlieda tagħna kontra t-tibdil fil-klima. “Dan kollu iżda m’għandux isir billi noħolqu inugwaljanzi soċjali ġodda” stqarret Cutajar.
L-MPE Maltija tenniet kemm hija għandha għal qalbha d-drittijiet soċjali Ewropej u għaldaqstant qalet li m’għandiex nabbandunaw l-aktar ċittadini vulnerabbli, li diġà qed isibuha diffiċli biex jaslu bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma tagħhom. “Ejja ma nkabbrux l-inugwaljanza bejn iż-żoni urbani, u dawk rurali u tal-periferija tal-Unjoni tagħna: jiġifieri dawk iż-żoni li l-konnettività tagħhom diġà hija sfida” saħqet Dr Cutajar.
Josianne Cutajar qalet li t-tranżizzjoni għal qalba ferm favur l-ambjent mhux se tkun faċli iżda rridu niżguraw li din tkun waħda ġusta. “Huwa biss b’kunsens pubbliku b´saħħtu li nistgħu nirnexxu f’dan ir-rigward”, stqarret Josianne Cutajar.
F’kummenti wara l-intervent tagħha, Dr Cutajar għamlet ukoll referenza għad-dikjrazzjonijiet tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen li laqgħet il-fatt li l-pjan ta’ irkupru tal-Gvern Malti hu wieħed mill-aktar b’saħħtu ambjentalment, hekk kif aktar minn 50% tal-allokazzjoni se tkun iddedikata għal mizuri li jgħinu fl-oġġettivi tal-klima. “Huwa pożittiv li l-Kummissjoni qegħdha tinnota x-xogħol li qed nagħmlu bħala pajjiż” temmet tgħid Dr Cutajar.