Josette Schembri Vella ta’ 45 sena li tgħix il-Mellieħa ngħatat l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet.
Dan wara li fil-Qorti wieġbet mhux ħatja wara li tressqet il-Qorti għan-nom tal-kumpanija tagħha, 3Cities Design, li hija mixlija b’ħasil ta’ flus.
Mart Keith Schembri tressqet il-Qorti wara jiem ta’ investigazzjonijiet intensivi mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji.
Il-Prosekuzzjoni qalet li mhijiex f’pożizzjoni biex tgħid kemm hu l-ammont ta’ ħasil ta’ flus.
Hawnhekk fl-awla qam l-għajjat, bil-Maġistrat Claire Stafrace Zammit widbet kemm lill-Prosekuzzjoni u kemm lid-Difiża.
Fil-Qorti xehed is-Supretendent Frank Tabone u qal kemm kien hemm allegatament tranżazzjonijiet mill-kumpanija Kasco għall-kumpanija tagħha u wara reġgħu ntbagħtu lura lill-kumpanija Kasco.
Wara telgħet tixhed l-Ispettur Lianne Bonello mill-istess skwadra tal-Pulizija fejn qalet li f’dawn it-tranżazzjonijiet kien hemm madwar €1.5 miljun.
Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Stafrace Zammit laqgħet it-talba għall-iffrizar tal-assi tal-kumpanija 3Cities Design.
Schembri Vella ngħatat il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom li ma tistax issiefer mill-pajjiż, trid tiffirma fl-għassa tal-Qawra erba’ darbiet fil-ġimgħa u tkun f’darha bejn nofsillejl u s-sitta u nofs ta’ filgħodu.
Il-ħelsien ingħata wkoll fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet minn Dr. Antoine Agius Bonnici u Dr. Andrea Zammit mil-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistiti mil-Ispettur Lianne Bonello u mil-Ispettur Ian Camilleri.
Id-Difiża tmexxiet mill-Avukati Edward Gatt, Mark Vassallo, Veronique Dalli u Ishmael Psaila.