Tfajla ġiet ikkundannata disa’ xhur ħabs wara li ammettiet li m’obdietx ordni ta’ Maġistrat.
It-tfajla ta’ sebgħa u għoxrin sena, ġiet akkużata li fit-tletin ta’ Awwissu, u fil-ġimgħat ta’ qabel, naqset milli tħares il-kundizzjonijiet li ġew imposti fuqha mill-Maġistrat Astrid May Grima f’digriet li tat is-sena l-oħra.
Hija kienet ingħatat il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ tmien mitt ewro u garanzija personali ta’ għaxart elef ewro.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Lydon Zammit, talbet li minbarra li tinżamm arrestata, it-tfajla titlef id-depożitu u l-garanzija personali.
Il-Qorti ippreseduta mill-Maġistrat Monica Vella, laqgħet it-talba dwar l-arrest, imma mhux dik dwar ir-revoka tad-depożitu u l-garanzija personali.