“So, the reason why I am here today is that I am happy to announce that the European Commission has decided to give its green light to Malta’s Recovery and Resilience Plan.”
Kien b’dan il-mod li l-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-President tagħha, Ursula von der Leyen approvat il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta li jammonta għal tliet mija u sittax-il miljun ewro.
Von der Leyen kienet f’pajjiżna għal żjara uffiċjali fejn qabel konferenza tal-aħbarijiet bl-isfond sabiħ tal-Port il-Kbir, fil-Barrakka ta’ Fuq, hija żaret il-MITA u anki kellha laqgħa mal-Prim Ministru fil-Berġa ta’ Kastilja.
Il-MITA se tgawdi mill-fondi ta’ dan il-Pjan biex tkompli ssaħħaħ is-servizzi diġitali fis-Servizz Pubbliku.
Intant fil-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Prim Ministru Robert Abela, Von der Leyen fissret il-Pjan ta’ Malta bħala l-iktar ħabib tal-ambjent li l-Kummissjoni Ewropea approvat:
“The Maltese Plan is outstanding with 54% investment into the European Green Deal, that’s one or if the greenest Recovery Plan we have. The second priority is digitisation. Here, the Maltese Plan also overshoots the target with 25% investment in digitisation and digital is the make-or-break issue for our economy.”
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-kontribut tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-pandemija u saħaq li permezz ta’ ftehim konġunt bejn l-istati membri kollha, Malta llum għandha wieħed u disgħin fil-mija (91%) tal-popolazzjoni mlaqqma kontra l-Covid-19.
Dr Abela qal kif f’dan iż-żmien kruċjali, pajjiżna żamm l-ekonomija għaddejja permezz tal-Covid Wage Supplement, l-iskema tal-vouchers, li tat injezzjoni ekonomika u anke s-sussidju għan-negozji fuq il-kontijiet tad-dawl.
Semma wkoll l-importanza tal-pakketti ta’ REACT EU u SURE, li għenu sabiex ġew salvagwardjati l-impjiegi.
Il-Prim Ministru qal kif dan il-Pjan ta’ Rkupru ġej mill-budget Ewropew sal-elfejn sebgħa u għoxrin, li ntlaħaq qbil dwaru f’Lulju tas-sena l-oħra.
Fi kliem il-Prim Ministru Robert Abela dan il-pjan se jgħin sabiex ikompli jtejjeb il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin fosthom b’titjib infrastrutturali u mira ambizzjuża li sa inqas minn tletin sena oħra, Malta tkun ħielsa mill-karbonju.
“Turning our nation’s infrastructure from being a bottleneck to becoming an enabler. Ensuring our education system becomes one of the best in Europe, making our society carbon-neutral by 2050 and transforming our government structures and institutions, such that they adequately reflect the needs of our society”, spjega l-Prim Ministru.
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet, Dr Abela semma r-riformi li saru favur is-saltna tad-dritt fl-aħħar għoxrin xahar: “That is why since taking office in January 2020, my administration has been in a constant and consistent process aimed of protecting the rule of law. The significant reforms, which we have undertaken to strengthen democracy and the several institutions in Malta that protect the rule of law, confirm this.”
Dan id-diskors tal-Prim Ministru Malti jkompli ma’ dak li qalet Von der Leyen waqt id-diskors importanti tal-Erbgħa fi Strasburgu, fejn faħħret lil Malta għar-riformi favur is-saltna tad-dritt.
Dr Abela spjega kif fil-jiem li ġejjin se titħabbar liġi tal-ISLAPP sabiex tipproteġi lill-ġurnalisti f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Malti qal kif il-Gvern Malti se jkompli jinvesti fin-nies permezz ta’ Budget li se jitressaq fil-ħdax t’Ottubru li ġej.