Il-Pulizija qed tinvestiga każ suspettat li hu att vandalu, fejn miljun u nofs naħla li kienu fi tmienja u għoxrin kaxxa tan-naħal inqerdu fix-Xewkija fil-jiem li għaddew.
Il-pulizija kkonfermat ma’ ONE News li qed tinvestiga dan il-każ u każ ieħor simili li seħħ ħames snin ilu.
Il-kumpanija Melita Bees, ta’ imprenditur Taljan, bagħtet filmat u ritratti tal-qerda li wassal għal danni fuq il-kumpanija u l-ambjent.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, is-sid ta’ din il-kumpanija sostna li dawn in-naħal kienu fuq il-post bil-permessi kollha meħtieġa.
Sostna li dan l-attakk huwa tat-tħassib għal kulħadd hekk kif tmenin fil-mija tal-ħxejjex u l-frott li jkabbar il-bidwi jiddakkar min-naħal u għalhekk in-naħla hija mitqlu deheb.
Huwa sostna li ċertu sidien tan-naħal m’humiex kuntenti bil-preżenza tan-naħal tiegħu, minkejja li dawn mhumiex ta’ riskju li jaffettwaw in-naħal lokali.
Intant l-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil min irabbi n-naħal tkellmet ukoll ma’ ONE News u kkundannat kull ħsara li ssir fuq in-naħal.
Saħqet li n-naħal tal-għasel ma jingħaddx naħla naħla, iżda bin-numri ta’ kolonji li fil-fehma tagħha, dettalji li nħarqu ħajjin miljun u nofs naħla huma immirati biex jiġbdu l-attenzjoni u xejn iżjed.
Sostniet li seta’ ngħad li nħarqet kolonja naħal f’kull kaxxa.
Intqal li membri tal-Assoċjazzjoni ġieli wkoll sofrew minn attakki u preżentament hawn ’l fuq min erbat elef kolonja naħal tal-għasel reġistrati u mrobbija minn naħħala.
B’hekk n-naħal tal-għasel f’Malta mhu qed jaffaċċja l-ebda periklu ta’ estinsjoni u dan in-naħal jipproduċi għasel ta’ kwalità f’pajjiżna.
Min-naħa l-oħra, sottopeċi endemika tan-naħla Maltija tinsab mhedda anki minħabba taħlit ġenetiku ma’ naħal mhux lokali.
Qalet li meta jkun hemm ħruq wieħed diffiċli iżjed iġib il-provi biex jifhem x’ġara u saħqet li huwa ta’ dispjaċir li kumpanija titfa’ dell ikrah fuq in-naħħala lokali.