Ian Zammit ta’ 32 sena miż-Żejtun baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ traffikar ta’ droga u involviment fi ħruq ta’ vettura tal-eks sieħba tiegħu.
Fil-Qorti nstema’ kif fis-6 ta’ Lulju li għadda l-Pulizija f’Birżebbuġa rċeviet rapport li nħarqet karozza.
Hawn infetħet inkjesta, fejn ġew arrestati żewġ persuni, Joseph Buttigieg li allegatament qabbad il-karozza u raġel mill-Maċedonja li wassal lil Buttigieg.
Intqal li meta marru biex jarrestaw lil Buttigieg, dan instab mejjet.
Il-Prosekuzzjoni sostniet li minn informazzjoni miġbura mill-mobiles tat-tliet persuni allegatament involuti fil-ħruq, jidher li Zammit kien xtara d-droga kokaina bħala ħlas sabiex isir l-att vandalu.
Minn hemm, l-akkużat allegatament iltaqa’ ma’ Buttigieg, fejn fehmu x’għandu jagħmel.
Huwa ġie mixli li ta struzzjonijiet lil Buttigieg sabiex jagħti d-droga lir-raġel mill-Maċedonja.
Meta Buttigieg għamel dan, huwa spjega lill-Maċedonjan li ma jridx flus, iżda qallu jitla’ fil-karozza miegħu u jwasslu fi Triq il-Ġebel f’Birżebbuġa, fejn Buttigieg qabbad il-karozza tal-eks sieħba tal-imputat.
Fil-Qorti d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni minħabba biża’ ta’ intralċ tal-provi.