Fl-editorjal tal-gazzetta The Malta Independent on Sunday, ġie nnutat in-numru kbir ta’ prosekuzzjonijiet li saru fl-aħħar ġimgħat, b’mod speċjali prosekuzzjonijiet marbutin ma’ reati finanzjarji.
Fil-fatt, hawn ġie mfaħħar id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji, li qiegħed jitmexxi minn persuna kompetenti u d-dipartiment għandu kull għodda neċessarja sabiex jagħmel xogħolu.
Hawn intqal li n-numru ta’ prosekuzzjonijiet li saru fl-aħħar ġimgħat huma xhieda tal-progress qawwi tal-Korp tal-Pulizija, speċjalment meta wieħed jara l-kumplessità ta’ dawn il-każijiet, li ftit minnhom imorru lura snin twal.
Fl-editorjal issemmew iż-żewġ każijiet ġodda li nfetħu kontra l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, kif ukoll kontra l-bank Pilatus u l-eks Kummissarju Ewropew Nazzjonalista, John Dalli.
Rigward il-każ ta’ John Dalli, intqal li indikazzjonijiet juru li l-Pulizija kienu viċin ta’ prosekuzzjoni, iżda sabu indħil politiku, u ġew ordnati sabiex ma jmexxux bil-każ.
Fil-fatt, illum stress, il-gazetta The Sunday Times, żvelat li l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Lawerence Gonzi ma kienx approva li t-telefonati ta’ Dalli jiġu segwiti, liema telefonati setgħu iwasslu għal aktar evidenza fil-każ t’allegat tixħim.
Hawn ġie nnutat ukoll li l-fatt li qabel seħħew ir-riformi fil-Korp tal-Pulizija, il-Kummissarju kien jinħatar direttament mill-politiku, li jagħti lok għal abbużi, liema proċess issa huwa ferm aktar modern u demokratiku.
L-editorjal għalaq billi faħħar lill-istess Kummissarju tal-Pulizija u ntqal li l-progress fil-Korp tal-Pulizija qiegħed isir.