L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kien irrifjuta li japprova li tkun interċettatha l-linja tat-telefon ta’ John Dalli.
Deċiżjoni li kienet daqqa ta’ ħarta għall-investigaturi li kienu qed jinvestigaw il-każ tal-allegat tixħim ta’ kumpanija tat-tabakk tal-isnus.
Dan irrappurtatu t-Times il-Ħadd li spjegat kif it-talba sabiex is-servizzi sigrieti jisimgħu b’mod sigriet it-telefonati ta’ John Dalli, saret ftit wara li huwa kien irriżenja minn Kummissarju Ewropew għas-Saħħa f’Ottubru tal-2012.
Dan wara investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew kontra l-korruzzjoni, l-OLAF.
Ġie rrappurtat li l-investigaturi Maltin kellhom bżonn jisimgħu t-telefonati sabiex jippruvaw isostnu aħjar il-każ li kienu qed jibnu kontra Dalli u n-negozjant u eks Kunsillier Nazzjonalista f’Tas-Sliema, Silvio Zammit li wkoll hemm proċeduri kontrih minħabba dan il-każ.
It-Times qalet li dan l-aġir kien frustra bil-kbir lill-pulizija li kienu investigaturi fuq dan il-każ li kien idur mal-allegazzjoni li persuna qrib John Dalli seta’ kien involut f’ħadma ta’ sittin miljun ewro.
Ħadma maħsuba biex tinfluwenza direttiva Ewropea dwar l-isnus li fuqha kien qed jaħdem John Dalli fl-irwol tiegħu ta’ Kummissarju Ewropew.
Filwaqt li r-recordings ta’ telefonati mhumiex ammissibli bħala evidenza fil-Qorti dawn jgħinu lill-investigaturi sabiex ikomplu jsibu iżjed truf li jkunu jistgħu isegwu sabiex isolvu l-każ.
John Dalli kien politiku ta’ esperjenza kbira fi Gvernijiet Nazzjonalisti ta’ Eddie Fenech Adami u kien maħtur bħala Kummissarju Ewropew fl-2009.
It-Times of Malta interpretat li Gonzi ma riedx li jidher li hemm xi vendetta fuq xi ħadd li kkontesta miegħu għat-tmexxija tal-partit.
Għalkemm wara dakinhar, lil Dalli, Gonzi kien ħatru Ministru u Kummissarju Ewropew u sorsi fil-Partit Nazzjonalista dejjem sostnew li Gonzi kien fost l-iktar imbarazzati b’dan il-każ .
Saħansitra mistoqsi jekk iddispjaċihx li lil John Dalli ħatru f’dan l-irwol, Gonzi ma weġibx.
Intant, fl-aħħar jiem John Dalli kompla jsostni l-innoċenza tiegħu u qal li se jkun qed jiddefendi lilu nnifsu filwaqt li kellu anke kliem iebes għall-uffiċjali tal-uffiċċju kontra l-frodi tal-Unjoni Ewropea, l-OLAF.