Saida Agius Idy ta’ 42 sena ngħatat sentenza sospiża wara li ġiet akkużata li volontarjament ikkawżat ġrieħi gravi fuq ir-raġel tagħha nhar il-11 ta’ Settembru filgħodu.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-Pulizija marru fuq il-post wara li rċeviet telefonata u meta waslu fuq il-post huma sabu ammont sostanzjali ta’ demm barra u ġewwa r-residenza. Fost l-oħrajn il-Prosekuzzjoni spjegat kif allegatament twaddab mug imkisser lejn il-vittma.
Għaldaqstant, il-Prosekuzzjoni argumentat favur sentenza sospiża fil-konfront tal-imputata. Minn naħa l-oħra d-difiża stqarret kif kienet propju l-akkużata li għamlet it-telefonata filwaqt li qalet kif hi kienet imweġġa’ u sabet l-ewwel ħaġa li sabet waddbitha lejn Ranier Agius.
L-imputata li hija mill-Marokk u titkellem bil-Malti wieġbet ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha.
B’hekk il-Qorti ddeċidiet li tagħti sentenza ta’ sena priġunerija sospiża għal sentejn filwaqt li ħarġet ordni biex ma tagħmilx kuntatt mar-raġel tagħha għal sena, b’garanzija ta’ €500.