Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar kif fabbrika lokali se tagħmel investiment u toħloq mitt impjieg ta’ kwalità. Dan ħabbru f’intervista l-Ħadd filgħodu fejn fid-dawl tal-estensjoni fiż-żmien li persuni jistgħu jużaw il-vouchers tal-mitt ewro, il-Prim Ministru stqarr kif din kienet injezzjoni fl-ekonomija ta’ 2 miljun u sitt mitt elf ewro fil-ġimgħa hekk kif b’kollox intefqu 33 miljun ewro bil-vouchers.
Dwar is-settur tal-manifattura il-Prim Ministru nnota kif f’amministrazzjoni preċedenti kollox kien qed juri li dan is-settur f’pajjiżna kien ser jispiċċa, iżda llum il-folja inqalbet.
Hawnhekk ħabbar kif fil-qasam tal-manifattura kumpanija lokali ser tkun qed tniedi investiment li jiswa l-miljuni u li ser joħloq mitt impjieg ġdid f’pajjiżna.
“Daqt anzi dalwaqt ħafna ser ikollna aħbar sabiħa ferm li tolqot il-qasam tal-manifattura fejn ser ikollna kumpanija lokali, waħda mill-kumpaniji lokali l-kbar fejn ser tkun qed tniedi investiment ġdid ta’ diversi miljuni li imbgħad imma importanti ferm ser jissarraf fil-ħolqien ta’ mitt impjieg ġdid ta’ kwalità f’dan il-qasam tal-manifattura.”
Stqarr kif sa jumejn ilu l-kelliem għall-intrapriża għall-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li permezz ta’ fond ta’ 40 miljun ewro ser ikun hemm żieda fil-valur miżjud ta’ 35 darba aktar. Qal li din hija assurdità ekonomikament.
“Għal kull min għandu understanding bażiku tal-ekonomija hija assurdità li tgħid inti li investiment jew nefqa ta’ 40 miljun ewro jkollha valur miżjud 35 darba iktar, għax hekk qal, 35 darba iktar tiġi l-valur miżjud, hija xi ħaġa li, j’alla kien hekk, j’alla kien hekk, imma ir-realtà turina li mhux hekk u allura hemmhekk fejn tidħol il-kwistjoni tal-inkompetenza tal-oppożizzjoni li hija inkompetenza perikoluża immens.”
Spjega kif dan is-suċċess fi żmien pandemija rajnieh ukoll fil-qasam tal-bejgħ tal-propjetà fejn kien hemm rekord wara ieħor.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif tul il-pandemija ġew ikkreati mad-9,000 impjieg ġdid.
“Issa x’ser jgħidulna, ibqa ċerta u żgura li ser jgħidulna dawk kollha impjiegi mal-Gvern biex tixtru l-voti, żgur ser tkun dik in-narrattiva iżda għal darba oħra in-numri ma jmerihom ħadd u n-numri juru li għal kull impjieg li kellna fis-settur pubbliku kellna tmienja fil-privat.
Huwa spjega kif l-għaqal li rajna minn dan il-Gvern issarraf f’għajnuna lill-familji u n-negozji Maltin.
Madankollu l-Oppożizzjoni qed tkun distakkata kompletament minn dak li qed jħossu n-nies.
Qal li din l-għażla li kienet naturali għall-Gvern mhux l-istess għall-Oppożizzjoni. Hawnhekk innota kif saħansitra sa jumejn ilu Bernard Grech reġa’ stqarr li l-Gvern huwa ħali. Qal kif dan juri li l-Partit Nazzjonalista għadu jemmen fil-politika tal-awsterità.
“Dawk l-għażliet li għandu l-poplu quddiemu llum bejn Gvern u partit politiku li jemmen f’politika ekonomika progressiva u din weriha fl-aktar mument diffiċli għal partit politiku li mill-oppożizzjoni meta għandu l-lussu li jista’ jikkritika għax ma jridx jiddeċiedi, xorta qed jibgħat messaġġ ċar li l-politika għal meta jkun qed imexxi lil dan il-pajjiż hija dik tal-awsterità”