Anzjan ta’ 70 sena miż-Żejtun jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ ġo bir f’Marsaxlokk.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar f’għalqa li tibsab fi Triq il-Beatu Bartolo Longo.
Il-Pulizija tad-Distrett marret immedjatament fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li l-anzjan għal xi raġuni kien waqa’ ġo bir.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili assistew biex il-vittma jinħareġ minn ġol-bir. Wara huwa ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Bil-każ ġiet informata l-Maġistrat tal-Għassa Marse-Ann Farrugia li ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.