Raġel ta’ 48 sena minn Wied il-Għajn qed jinżamm arrestat wara argument li nqala’ dal-lejl f’Ħaż-Żabbar, meta allegatament ħebb għal tliet uffiċjali tal-Pulizija.
Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ nofsillejl f’Misraħ is-Sliem, meta l-Pulizija tad-Distrett sabu żewġt irġiel jargumentaw u mill-ewwel intervjenew biex iferrquhom.
Kien f’dan il-mument li r-raġel ħebb għalihom.
Wara li ġie mmanettjat, kompla jkun aggressiv u jobżoq lill-Pulizija.
Żewġ persuni oħra, żagħżugħ ta’ tnejn u għoxrin sena minn Marsaskala u mara li l-identità tagħha għadha mhix magħrufa, bdew jippruvaw iwaqqfu lill-Pulizija milli jarrestaw lir-raġel u nsultaw u heddew lill-uffiċjali.
Ir-raġel ta’ tmienja u erbgħin sena ġie arrestat u ttieħed fil-lockup tal-Pulizija fil-Furjana.
It-tliet uffiċjali ngħataw l-għajnuna medika f’Ċentru tas-Saħħa u ġew iċċertifikati li sofrew minn ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.