Il-Fondazzjoni iDEAT, it-‘think tank’ fi ħdan il-Partit Laburista tellgħet sessjoni ta’ diskussjoni dwar is-sistema elettorali ta’ pajjiżna.
Bosta qasmu ħsibijiethom dwar jekk u kif għandha titjieb is-sistema tas-‘single transferable vote’ li tintuża bħalissa f’pajjiżna.
Dan jorbot mad-diskussjoni fil-pajjiż dwar jekk hemmx lok fejn din is-sistema tinbidel.
Fost dawk li pparteċipaw f’din id-diskussjoni kien hemm l-ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, il-Professur Godfrey Pirotta u l-Professur Ian Refalo.
Matul l-attività ġew diskussi diversi aspetti tas-sistema elettorali; mill-aspett storiku għall-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi li jaraw rappreżentazzjoni aktar bilanċjata u d-disinn tal-polza tal-vot.
L-inizjattiva li torbot mal-proġett tal-100 idea tal-Partit Laburista, saret bil-ħsieb li tkompli toħloq diskussjoni fuq livell nazzjonali dwar dak li jkunu qed jitkellmu n-nies.
Iċ-chairperson tal-Fondazzjoni Ideat, Elaine Degiorgio stqarret kif hija l-prijorità tal-fergħa li tiddiskuti u toħroġ b’ideat dwar temi varji għall-benefiċċju taċ-ċittadini.
“Iddiskutejna s-sistema elettorali ta’ pajjiżna għaliex inħossu illi tajjeb li naraw u nevalwaw is-sistema li għandna bħalissa, naraw x’hemm tajjeb iżda dak li hemm forsi inqas tajjeb nipprovaw nirranġawh biex nagħmluh kemm jista’ jkun aħjar sabiex b’hekk fl-aħħar mill-aħħar ikollna qafas demokratiku ta’ pajjiżna b’mod b’saħħtu.”
F’intervent li għamel id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef innota l-maturità li qed tintwera meta jittellgħu attivitajiet bħal dawn, u appella għal aktar diskussjoni matura.
Din hija waħda minn diversi diskussjonijiet li qed isiru f’dawn il-jiem qabel tittella’ l-konferenza tal-Partit bejn is-17 u l-20 ta’ dan ix-xahar.