L-industrija tal-films f’pajjiżna qed tkompli tikber u tissaħħaħ, u wara tgħaddi l- pandemija se tkun fost l-aqwa fid-dinja. Dan intqal f’konferenza tal-aħbarjiet fl-Istudios tal-Films Maltin fil-Kalkara, fejn bħalissa qed jinġibed film multi milljunarju.
Wieħed mill-Produtturi, Brad Fischer, spjega kif dan il-film huma marbut mal-baħar, u għalhekk Malta kienet waħda mill-għażliet naturali biex jinġibed dan il-film. Huwa spjega wkoll l-istorja ta’ dan il-film.
“The film is called ‘The Last Voyage of the Demeter’. It’s based on a chapter of Bram Stoker’s Dracula. It tells the story of the merchant ship that took Dracula from Transylvania to England, which was chartered to carry cargo and he was part of the cargo.”
Produttur ieħor Matt Hirsch, sostna li f’pajjiżna sabu sapport kbir, u l-esperjenza tagħhom tant kienet eċċezzjonali, li żgur se jerġgħu isibu ruħhom f’Malta għal proġetti oħra.
Apparti l-ġmiel astetiku li joffri pajjiżna, qal li l-inċentivi u l-faċilitajiet indispensabbli bħall-water tanks huma l-fatturi li attiraw dan il-film lejn xtutna.
“There were several attractive things about Malta that brought us here. We scouted it in February but the cash rebate, the film incentive is a big factor in how we come and Malta has one of the highest rates of film incentive in the world actually, which is very attractive to film makers as we try to maximise our Dollars spent.”
Il-Kummissarju għall-Films Johann Grech qal li mal-elf persuna ġew impjegati bħala extras jew parti mit-tim tekniku. Sostna li l-Malta Film Studios qed ikompli jiġġedded maż-żmien, u kif il-Kummissjoni tal-Films qed taħdem biex Malta ssir magħrufa wkoll għall-produzzjonijiet lokali wkoll.
“Il-Kummissjoni tal-Films qed tkompli taħdem, mhux biss biex nattiraw produzzjonijiet kbar minn studios kbar u film makers barranin biex jaħdmu l-produzzjonijiet tagħhom f’Malta, imma wkoll inkomplu ngħinu l-produtturi lokali biex ikomplu jsaħħu l-prodott tagħhom u jbigħuh tajjeb barra minn xtutna.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li dan is-settur kien fost l-aktar reżiljenti tul il-pandemija, u li din il-produzzjoni hija xhieda tax-xogħol bla waqfien tal-Kummissjoni tal-Films. Temm jgħd li l-Gvern se jkompli jaħdem sabiex Malta toffri talenti mill-aqwa għall-produtturi barranin, u b’hekk it-turiżmu lejn pajjiżna jkun wieħed diversifikat u sostenibbli.