Il-jum tal-Ġimgħa kien iddominat minn żjara li għamel il-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid Dbeibeh fil-gżejjer Maltin.
Taħt sigurtà stretta, huwa ntlaqa’ fi Pjazza Kastilja fejn indaqqu ż-żewġ innijiet tal-pajjiżi rispettivi mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-Prim Ministru Libjan kellu taħdidiet bilaterali mal-Prim Ministru Malti Robert Abela fil-berġa ta’ Kastilja, fejn fuq nett tal-aġenda kien hemm ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Libja, l-immigrazzjoni, is-saħħa u l-ekonomija.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Malti għal dawn il-laqgħat kien hemm id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministri Evarist Bartolo, Byron Camilleri u Silvio Schembri.
F’konferenza tal-aħbarijiet wara dawn il-laqgħat, il-Prim Ministru Malti Robert Abela qal li jinsab sodisfatt li Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li Dbeibeh żar bħala Prim Ministru tal-Libja u fakkar fil-valur kbir li pajjiżna jagħti lir-rabtiet speċjali li għandu mal-Libja.
Fakkar kif tul is-snin, iż-żewġ pajjiżi kkooperaw b’mod tajjeb ħafna fuq oqsma ta’ interess u prijoritajiet komuni fosthom is-saħħa, l-enerġija, il-kontroll tal-fruntieri, l-immigrazzjoni u l-qasam tal-kriminalità organizzata.
Dr Abela qal li Malta lesta tagħti kull appoġġ fil-ħidma li hemm bżonn biex fil-Libja jerġgħu jirrenjaw il-paċi u l-istabilità.
“Nemmnu li l-proċess tranżitorju qabel l-elezzjonijiet ġenerali jrid ikun wieħed tal-Libjani għax hekk biss ikunu assigurati s-sigurtà u l-istabbiltà fil-Libja. Malta lesta li tagħti kull appoġġ fil-ħidma sabiex jintlaħaq dan l-għan importanti.”
Fakkar ukoll li Malta fetħet ambaxxata fi Tripli u qed terġa’ tipproċessa applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi.
“Malta u l-Libja għandhom relazzjoni soda fejn jirrenja l-element tar-rispett reċiproku u l-ħbiberija u nistgħu verament nitkellmu fuq għanijiet komuni.”
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Libjan qal li kien hemm qbil fuq numru ta’ affarijiet importanti biex jiżdiedu d-dimensjonijiet tal-investimenti bilaterali u l-ħolqien ta’ numru ta’ kumitati biex jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ permessi.
Qal li llum ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeri tat-Trasport taż-żewġ pajjiżi biex jerġgħu jibdew it-titrijiet bejn Malta u l-Libja; b’rispett sħiħ lejn il-protokolli tal-avjazzjoni ċivili.
“Illum iffirmajna ftehim speċjali bejn il-Ministeri tat-Trasport bil-għan li nerġgħu nibdew bit-titjiriet bejn iż-żewġ pajjiżi.”
Il-Prim Ministru Libjan semma wkoll diskussjonijiet mal-Ministeru tad-Difiża u l-Intern biex jiġu solvuti xi problemi tal-komunità Libjana f’Malta u biex jiġu diskussi aspetti ta’ attivitajiet illegali.
Qal ukoll li ġew diskussi opportunitajiet ta’ taħriġ fid-dawl li Malta huwa pajjiż avvanzat f’dan ir-rigward.
Il-Prim Ministru Libjan temm jgħid li jinsab kuntent għal din l-atmosfera pożittiva u ta’ fiduċja li sab f’pajjiżna.