L-Awtorità tad-Djar u l-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, iffirmaw ftehim li se jara tliet miljun ewro mill-NDSF imorru għall-iskema New Hope.
Din l-iskema se tiżgura li persuni b’diżabilità jew dawk b’ċertu kundizzjonijiet mediċi, bħal ħaddieħor jingħataw self mill-banek għal xiri ta’ proprjetà.
B’hekk l-Awtorità tad-Djar se tidħol f’isem ix-xerrejja biex jingħataw l-opportunità li jsiru sidien ta’ darhom għall-ewwel darba.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li din l-iskema ntlaqgħet b’mod pożittiv ferm mindu tħabbret mill-Prim Ministru aktar kmieni dan ix-xahar.
“Fejn falla s-suq qed jidħol l-istat fejn jintervjeni u jassigura li dak il-proċess jibqa’ għaddej. Dawn in-nies ħa jkunu qed isiru sidien ta’ darhom għall-ewwel darba bl-għajnuna ta’ din l-iskema wkoll.”
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat innota l-għan prinċipali li jinħoloq dan il-fond; dak li l-Gvern ikun f’pożizzjoni aħjar li jgħin faxex differenti tas-soċjetà.
“Għalhekk twieled l-NDSF, biex niffinanzjaw dawn l-iskopijiet soċjali u dik hija r-ruħ soċjali li għandu dan il-Gvern u dan kollu qed nagħmluh mingħajr ma naffettwaw il-finanzi tal-pajjiż.”
Dan huwa investiment ieħor fis-soċjetà, hekk kif it-tliet miljun ewro li se jinħarġu mill-NDSF għandhom l-għan li jkomplu jkattru lill-ekonomija Maltija filwaqt li jgħinu persuni li fil-passat kienu żvantaġġjati, isiru sidien ta’ darhom.