Brooks Lia ta’ 40 sena u Damiano Alfio Ranissi Torissi ta’ 43 sena li jgħixu San Pawl il-Baħar, baqgħu miżmuma arrestati wara li wieġbu mhux ħatja li fid-29 t’Awwissu kienu involuti fi ħruq ta’ ħanut f’Ħal Qormi.
Il-Pulizija wasslet għall-arrest taż-żewġ imputati wara li ġie elevat filmat minn camera tas-sigurtà fil-viċinanzi, fejn anke dehru l-karozzi użati fl-allegat reat. Fil-Qorti ntqal li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha, sabiex jinsab ukoll il-mandant ta’ dan l-allegat ħruq.
Intqal li l-Pulizija rnexxielhom ukoll ikunu jafu li l-imputati allegatament kienu fuq ix-xena tar-reat wara li ġiet elevata informazzjoni mill-mobiles tagħhom.
L-avukat tad-difiża ta’ Lia talab għall-ħelsien mill-arrest, liema talba l-Prosekuzzjoni oġġezzjonata għaliha. Hawn il-Prosekuzzjoni qalet li Lia ikkopera fl-investigazzjonijiet, iżda dan irrifjuta milli jgħid lill-Pulizija, min ħallsu biex iwettaq dan ir-reat.
Min-naħa tal-imputat Taljan, fil-Qorti dan irrifjuta milli jwieġeb kull mistoqsija li saritlu, fosthom x’jismu, kemm għandu żmien u jekk jaħdimx.