Il-Maltin huma t-tieni l-iktar poplu fl-Unjoni Ewropea li jixorbu l-luminata. Dan joħroġ minnn statistika ppubblikata mill-Eurostat.
L-istħarriġ juri li disgħa fil-mija ta’ dawk li kellhom ħmistax-il sena jew aktar qalu li jixorbu l-luminata kuljum, sittax fil-mija jixorbu luminata bejn erbgħa u sitt darbiet fil-ġimgħa waqt li dsatax fil-mija jixorbu luminata bejn darba u tliet darbiet fil-ġimgħa.
Il-poplu Belġjan ġie qabel Malta, b’għoxrin fil-mija jgħidu li jagħmlu dan kuljum.
Rati għoljin fix-xorb tal-luminata mimli zokkor ġew irreġistrati fil-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja u l-Bulgarija b’madwar tnax fil-mija, filwaqt li l-Estonja kien l-inqas pajjiż li għandu nies jixorbu luminata.
F’dan il-pajjiż Baltiku huma biss tnejn fil-mija li jixorbu luminata.
Id-Direttur għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, Dr Paula Vassallo spjegat li l-luminata ma fiha l-ebda nutrijenti.
“Meta z-zokkor ikun fil-forma ta’ likwidu, huwa iktar faċli li jkollok l-effett. Iz-zokkor jagħmel ħsara fuq is-snien li jikkawża t-tħassir, kemm fuq il-ħxuna żejda kif ukoll jista’ jikkawża dijabete, problemi tal-qalb. Dan jiġifieri l-effetti taz-zokkor li nkunu qed nieħdu jagħmel ħafna ħafna ħsara.”
It-Tabiba Vassallo spjegat li l-awtoritajiet tas-saħħa jieħdu diversi inizjatttivi biex jintbagħat messaġġ favur ikel u xorb tajjeb għas-saħħa.
Qalet li l-aktar kampanji effettivi saru fost it-tfal biex intellgħu ġenerazzjoni ta’ nies b’saħħitha.
“Fl-iskejjel, qabel Covid, konna nagħmlu ħafna drama biex dejjem ngħallmu lit-tfal x’jieklu u x’għandhom jixorbu. Għandha wkoll policy fl-iskejjel li ma jistgħux idaħħlu zokkor u luminata, kif ukoll fl-isptar tagħna ma jistgħux idaħħlu luminata li fiha z-zokkor.”