Il-Ħamis filgħaxija, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wasal il-Prim Ministru Libajn, Abdul Hamid Dbeibah għal żjara uffiċjali f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Libjan se jkun qed jiltaqa mal-Prim Ministru Malti Robert Abela, il-Ġimgħa filgħodu fil-Berġa ta’ Kastilja.
Il-Prim Ministru Libjan ġie milħuq fil-mitjar Malti mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo.
F’April li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela kien żar il-Libja, fejn iltaqa’ mal-Prim Ministru Dbeibah.
Hawnhekk, Dr Abela kien ħabbar li kien se terġa tinfetaħ l-Ambaxxata fil-kapitali Tripli u ntqal li se tkun qed tisħaħ il-konnetività permezz tal-ajru.
Dan tal-aħħar kien twaqqaf minħabba l-gwerra ċivili, li bdiet għaxar snin ilu.
F’Mejju tas-sena l-oħra, il-Prim Ministru Malti Robert Abela kien żar il-Libja fejn hawnhekk kien iltaqa’ mal-eks Prim Ministru Libjan Fayez-Al Sarraj, fejn qablu li se jkunu qed jinfetħu ċentri ta’ kordinazzjoni.
Dan minħabba l-ġlieda fl-immigrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin.
Imbagħad fil-bidu ta’ Lulju tas-sena l-oħra, waqt żjara li kien għamel il-Prim Ministru Libjan Sarraj kien infetaħ iċ-ċentru ta’ kordinazzjoni f’Belt is-Sebħ.
Dan għen sabiex jiġu evitati wasliet ta’ eluf ta’ immigranti lejn il-Mediterran, jiġifieri lejn pajjiżna.
Ix-xahar li għadda, il-Gvern Malti bagħat kunsija ta’ 40,000 doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19 lejn il-Libja.