Gerald Gilford ta’ 45 sena mill-Fgura ngħata sentenza ta’ tmien xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati li fl-2018, ikkaġuna ġrieħi gravi lil raġel ieħor.
Gilford, li kien jaħdem bħala bouncer fi stabbiliment f’Wied il-Għajn, weġġa’ b’mod gravi lil raġel ieħor billi tah daqqa ta’ ras u kisirlu mnieħru.
Il-vittma mar jagħmel rapport fl-għassa, u meta l-Pulizija kellmu lill-akkużat, dan qalilhom li l-vittma kien qiegħed jittanta tfajla, u wara li wissieh, tefgħu ‘l barra mill-post.
Din il-verżjoni kienet ferm differenti minn dik tal-vittma, li sostna li kien qed jitkellem ma’ tfajla u ġie raġel ieħor jimbuttah.
Dan mar fuq mejda oħra, meta ġie il-bouncer, għollih u tah daqqa b’rasu.
Il-Maġistrat sostniet li anke jekk il-vittma kien qed jagħti fastidju fl-istabbiliment, l-akkużat kellu biss ikeċċih ‘il barra, u mhux iweġġgħu b’mod gravi.