Tnieda dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar Fondi Ewropej sas-sena 2027 bħala parti mill-Multi-Annual Framework tal-Unjoni Ewropea.
Fih hemm proposti dwar kif jistgħu jintefqu xejn inqas minn €971 miljun.
Dawn il-fondi ġejjin mill-Fond ta’ Koeżjoni, mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond għat-Tranżazzjoni Ġusta.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif il-proposti mressqa huma msejsa fuq sitt prijoritajiet li jiżguraw investiment f’diversi oqsma.
Fost dawn hemm il-kompetittività tas-settur privat u l-promozzjoni tal-ekonomija l-ħadra u dik blu. Hemm ukoll investiment għal soċjetà aktar inklussiva u titjib fis-sistemi infrastrutturali tal-pajjiż.
Għawdex ukoll huwa fil-mira ta’ din il-konsultazzjoni bil-prijorità tkun dik tal-protezzjoni u l-promozzjoni tal-karatterstiċi Għawdxin.
Is-Segretarju Parlamentari stqarr, “Fost proġetti li qed insemmu f’dan id-dokument hemm dawk li jirrigwardjaw il-qasam tas-saħħa bil-bini ta’ sptar għas-saħħa mentali akuta kif ukoll qegħdin inħarsu lejn il-faċilità tax-Shore-to-ship fil-Malta Freeport fil-lokalità ta’ Birżebbuġa.”
L-edukazzjoni wkoll qed tingħata importanza b’investiment li joħloq soċjetà aktar inklussiva, filwaqt li ssemmew proposti relatati mad-diġitalizzazzjoni tal-pajjiż kemm fl-industrija kif ukoll fis-settur pubbliku.
Is-Segretarju Parlamentari ħeġġeġ lil kull min hu nterressat biex jersaq ’il quddiem bil-proposti tiegħu.
Hu sostna, “Qegħdin inħarsu lejn konsultazzjoni wiesa’ dwar dawn il-prijoirtajiet kif ukoll dak kollu illi fassalna biex anki naraw il-pubbliku b’mod inġenerali u l-korpi kostitwiti x’inhuma l-fehmiet tagħhom ħalli wieħed ikun jista’ jikkonkludi wara dan il-konsultazzjoni u dan id-dokument.”
Id-dokument jinsab fuq is-sit eufunds.gov.mt u kull min hu interessat jista’ jħalli l-proposti tiegħu sat-tmienja t’Ottubru.