Erba’ tfajliet Franċiżi ammettew li nhar l-Erbgħa li għadda, daħlu f’sit kulturali u qabbdu nar bi pjanti protetti.
Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija daħlilhom rapport mill-Park Rangers fuq il-post li grupp ta’ żgħażagħ daħlu f’dan is-sit u qabbdu nar bi pjanti protetti, u anke raqdu fuq is-sit mingħajr il-permessi.
Għalhekk, il-Pulizija arrestat lill-erba’ żgħażagħ Franċiżi ta’ bejn 20 u 22 sena u nfurmathom bl-akkużi tagħhom. Intqal kif huma ma kinux jafu li kienu qegħdin f’sit li jagħmel parti mill-wirt kulturali, u li l-pjanti użati huma protetti.
Skont l-awtoritajiet, il-ħsarat li kkawżaw l-erba’ studenti huma minimi.
Il-Prosekuzzjoni u d-difiża qablu li s-sentenza m’għandiex tkun waħda ta’ ħabs, hekk kif kien żball ġenwin.
Il-Qorti kkundannathom sitt xhur sospiżi għal sena u €700 multa.