Stħarriġ li sar minn diversi psikjatri fost mijiet ta’ tfal u żgħażagħ ta’ bejn il-ħames snin u s-sittax-il sena, wera kif aktar minn sittin fil-mija taċ-ċkejknin u adoloxxenti jinsabu f’riskju ta’ problemi emozzjonali u qed jaffaċċjaw sfidi li jistgħu jwasslu għal problemi ikbar fil-futur.
F’intervista ma’ dan l-istazzjon, il-Psikologa Roberta Farrugia Debono fissret l-irwol kruċjali tal-ġenituri f’dan l-istadju tat-tfulija.
Hija qalet, “Huwa importanti ħafna li t-tfal, meta jkollhom emozzjonijiet bħal meta jinkwetaw fuq xi ħaġa jew imdejqin, aħna nagħrfuhom dawk l-emozzjonijiet u nuruhom kif ħa jieħdu ħsiebhom. Xi kultant ninkwieta meta jkun hemm ġenituri li ma jkunux iridu li t-tfal qatt ikunu mdejqin jew qatt ikunu inkwetati meta fil-verità se jħossuhom hekk. Aħjar il-ġenituri jgħallmuhom kif jieħdu ħsieb lilhom infushom meta jkollhom id-dwejjaq jew l-inkwiet għax dik ħa tagħtik is-saħħa biex meta taffaċċja affarijiet ikbar, tkun taf xi trid tagħmel.”
Jekk dawn l-isfidi ma jiġux miġġielda mit-tfulija, il-probabbiltà hija li jibqgħu jġorruhom magħhom sakemm jikbru.
Il-Psikologa spjegat li hemm bosta fatturi li jxekklu lit-tfal milli jfittxu l-għajnuna, fosthom il-ħajja mgħaġġla tal-lum: “Fl-iskejjel ikun hemm guidance teachers u nies trained apposta li t-tfal jistgħu anki jirrikorru għalihom meta jkollhom sitwazzjonijiet diffiċli però naħseb li forsi l-ħajja mgħaġġla tal-lum u n-nuqqas ta’ ħin flimkien qed itellef xi ftit minn dak l-ispazju fejn wieħed jista’ jitkellem.”
L-istudju jsemmi problemi fil-familja, bullying u l-midja soċjali bħala sorsi li jistgħu jwasslu għal problemi emozzjonali fost it-tfal.
Hija sostniet: “Fit-tfal, l-ansjetà timmanifesta ruħha daqsxejn differenti mill-adulti. Pereżempju tfal ansjużi jista’ jkun li jkollhom uġigħ ta’ żaqq, uġigħ ta’ ras, jew tfal li jkunu ferriħin f’daqqa waħda jkunu iktar kwieti, iktar ikunu jridu joqogħdu waħedhom jew jidhru ħosbiena. Hemmhekk fejn il-ġenituri jridu jiftħu għajnejhom u jaraw id-differenzi żgħar li jistgħu jindikaw li t-tfal huma inkwetati fuq xi ħaġa.”
Fuq kollox, l-appell hu biex kull min ikun mat-tfal joqgħod attent għal sinjali li jistgħu juru t-tfal li għaddejjin minn żmien diffiċli.