Tnieda l-ktieb Public Service Reforms in a Small State, miktub mill-Professur Frank Bezzina flimkien ma’ Dr Vincent Marmara u Dr Emanuel Camilleri.
Dan il-ktieb jinkludi fih studju dwar l-iżbalji li saru fil-passat u kif jistgħu jiġu evitati, x’bidliet saru fl-aħħar snin, il-perċezzjoni tal-ħaddiema taċ-ċivil u n-nies dwar is-Servizz Pubbliku u x’jista’ jagħmel iċ-ċivil biex jissaħħaħ.
L-editur u awtur, il-Professur Frank Bezzina qal kif dan l-istudju kien ippubblikat minn kumpanija internazzjonali, u se jwassal biex pajjiżi żgħar bħal Malta jsegwu r-riformi li għamel is-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar tmien snin.
ONE News tkellem ma’ wieħed mill-kittieba, li qal kif il-ktieb jirrifletti xi ħaġa ġdida fl-istorja tas-Servizz Pubbliku Malti.
Emanuel Camilleri stqarr: “Issa dan il-ktieb għalija huwa l-bidu. Jien nixtieq li ħames snin oħra, is-Segretarju Permanenti Ewlieni ta’ dak iż-żmien jerġa’ jieħu r-rigni biex dawn is-series ta’ riformi biex nibqgħu sejrin, tinkiteb u nkomplu sejrin bil-kontwintà x’qed isir fiċ-ċivil.”
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal kif dan l-istudju mill-akkademiċi se jgħin biex iċ-ċivil ikompli jissaħħaħ: “Ovvjament se jservi ħafna għal dak li qed jiġri bħalissa. Is-Servizz Pubbliku għaddej, l-istess bħall-ewwel tiġdid li sar, janalizza lilu nnifsu u jħares ’il quddiem għall-ħames snin li ġejjin – fl-ewwel strateġija kompressiva, ħolistika għas-Servizz Pubbliku kollu kemm hu. Jiġifieri bbażat fuq tliet elementi ewlenin, li huma: in-nies tiegħu, is-servizz u l-kontabilità li hemm bżonn.”
Dan se jwassal biex ikun hemm iktar servizzi ta’ eċċellenza.