Il-bini tal-uffiċini prinċipali antiki tal-Bank APS, se jgħaddi għand il-Fondazzjoni Patrimonju Malti biex jintuża għal wirjiet tal-arti.
Din il-binja mistennija tesebixxi diversi artifatti, minn artisti stabbiliti u oħrajn ġodda.
F’konferenza fejn il-partijiet iffirmaw dan il-ftehim, kien spjegat kif il-ħsieb wara din il-kollaborazzjoni huwa li jingħata rigal lill-istorja rikka ta’ pajjiżna fl-istess waqt li artisti emerġenti jkollhom spazju fejn jesebixxu xogħolhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-APS, Marcel Cassar stqarr kif dan huwa eżempju ta’ kif il-Bank qed ikun attiv fil-ħajja tan-nies: “Din hija xi ħaġa li l-bank ilu jagħmilha għal ħafna snin, imma meta kellu l-opportunità illi npoġġu għal użu aħjar dan il-bini importanti ħafna li għandna fil-Belt, li kien l-uffiċċju tagħna fl-antik flok użajnieh għal skopijiet tal-bank ħassejna li din kienet l-aħjar opportunità biex ngħadduh għand il-Fondazzjoni Patrimonju Malti.”
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Patrimoju Malti, Joseph Grioli spjega kif dan il-bini se jintuża bl-aħjar mod billi joffri vetrina oħra għall-artisti.
Huwa qal, “Minn hemmhekk nisperaw li joħorġu esebizzjonijiet kif dejjem għamilna anki barra minn dak il-bini, li norganizzaw darba kull tliet snin.”
F’din il-binja se jkun hemm arti moderna u kontemporanja flimkien ma’ dik ta’ fama, f’pass li jissalvagwardja dak kollu li għandu x’jaqsam mal-wirt kulturali Malti.