Inġeddu Malta Flimkien.
Din hija t-tema ta’ konferenza li se tittella’ mill-Partit Laburista bejn is-sbatax u l-għoxrin ta’ Settembru, biex tħeġġeġ u tixpruna ideat u proposti ġodda li jġeddu u jfasslu l-futur ta’ pajjiżna.
Iżda għaliex din l-emfasi fuq it-tiġdid? Tispjega l-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard: “Bħalma wrejna f’din l-aħħar sena t-tiġdid li sar kemm abbażi ta’ Partit kif ukoll abbażi tal-viżjoni tal-Gvern għall-pajjiż, il-konferenza Inġeddu Malta Flimkien se tkompli turi kif dan il-Partit huwa l-unika Partit li għandu l-kredenzjali u l-kredibilità biex iġedded lil Malta.”
Din il-konferenza se tkun mifruxa fuq erbat ijiem, u se tara li tilħaq lil kulħadd minn kull rokna f’Malta u Għawdex.
Iżda d-diskussjonijiet saħansitra jibdew qabel. Dr Attard sostniet: “Hemm attivitajiet li ġejjin qabel dawk l-erbat ijiem, per eżempju diskussjonijiet dwar l-IVF, diskussjonijiet dwar is-sistema elettorali. Kull ġurnata ser ikollha suġġett biex f’dan is-suġġett, jekk hux Għawdex, jekk hux l-ambjent, l-edukazzjoni, l-ekonomija, b’dan il-mod ikollna qafas għad-diskussjoni sabiex imbagħad tkompli l-viżjoni tal-Partit.”
F’intervista li kellu l-Ħadd fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela qal li jekk inġeddu lil Malta flimkien, inkunu nistgħu nibqgħu forza politika ħajja u b’saħħitha li tibqa’ taħseb għall-futur ta’ pajjiżna.