Raġel li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati ta’ frodi u ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Fil-Qorti ntqal li r-raġel ilu numru ta’ snin b’vizzju tad-droga, u għalhekk ilu żmien twil tiela’ u nieżel il-Qorti minħabba dan il-vizzju.
Intqal li minħabba f’hekk ir-relazzjoni tiegħu ma’ qrabatu ilha tisfaxxa, tant li tilef għeluq snin bintu għax kien ġie arrestat, filwaqt li l-ġenituri tiegħu ilhom żmien twil iħallsulu l-ispejjeż relatati mal-Qorti.
Fil-fatt, intqal kif l-imputat, li ma jaħdimx, qed jaffaċċja dawn l-akkużi ta’ frodi sabiex ikun jista’ jmantni l-vizzju tad-droga tiegħu.
It-talba tal-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda, hekk kif il-Qorti ma temminx li huwa bniedem affidabli u sabiex dan jaħseb fuq x’tilef minħabba l-vizzju tiegħu.