Żewġt irġiel u mara mill-Venezwela ngħataw sentenza sospiża wara li fil-Qorti ammettew li fis-sigħat bikrin tal-Ħadd, ħebbew u weġġgħu lil żewġ uffiċjali tal-Pulizija waqt li kienu qed jaqdu dmirijiethom.
Kien għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ dalgħodu, meta l-Pulizija f’San Ġiljan daħlulhom rapporti li kienet qed tindaqq mużika b’volum għoli fl-inħawi tax-Xatt ta’ Spinola.
Żewġ uffiċjali tal-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post, fejn lemħu grupp kbir ta’ persuni jdoqqu l-mużika u talbuhom jitfu l-apparat.
Dawn m’obdewx l-ordnijiet u meta l-uffiċjali marru biex jikkonfiskaw l-apparat, ġew attakkati.
Fuq il-post issejħu aktar Pulizija tad-Distrett u tar-Rapid Intervention Unit, li arrestaw lit-tliet akkużati.
Fil-Qorti ntqal kif fuq il-bajja, wieħed mill-akkużati mbotta uffiċjal tal-Pulizija, li meta waqa’ mal-art, qala’ daqqiet ta’ ponn u bis-sieq.
Id-Difiża sostniet li t-tliet akkużati kkoperaw kompletament wara l-arrest, u ilhom jgħixu f’pajjiżna għal numru ta’ snin, u għalhekk talbet għal piena sospiża u mhux waħda ta’ ħabs.
Il-Prosekuzzjoni talbet biex jekk il-piena ma tkunx ta’ ħabs, għandha tirrifletti l-gravità tar-reat.
Żewġ imputati ngħataw multa ta’ sebat elef ewro flimkien ma’ sena priġunerija sospiża għal tliet snin, filwaqt li l-imputat l-ieħor ingħata multa ta’ tnax-il elf ewro u sittax-il xahar priġunerija sospiżi għal tliet snin.
AQRA AKTAR:
https://www.one.com.mt/2021/09/05/tliet-persuni-mill-venezwela-arrestati-wara-li-hebbew-ghall-ufficjali-tal-pulizija/