Fil-Bażilika Minuri ta’ Marija Bambina fl-Isla ġew inawgurati żewġ pitturi tal-artist Senglean, Francesco Zahra.
Dawn il-pitturi ġew irrestawrati b’investiment ta’ €28,500 minn Fondi Ewropej.
Il-pitturi huma tal-Lunzjata u l-Preżentazzjoni tal-Madonna, li saru fis-seklu tmintax.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Amministrattiv Michael Pace Ross qal li dawn il-pitturi qed jerġgħu jingħataw il-glorja tagħhom.
L-Arċipriet tal-Isla Dun Robin Camilleri qal kif il-kor fuq l-altar prinċipali qed jerġa’ jingħata l-glorja.
Dan wara li din il-Knisja kienet intlaqtet sew waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
Ir-restawratur Paul Muscat spjega ma’ ONE News kif f’dawn il-pitturi sar tindif estensiv.
“Għamilnilhom struttura ġdida biex il-kwadri jkunu jistgħu jerġgħu jiġu miġbudin u jkollhom it-tensjoni li għandhom bżonn. Għamilna xogħol fuq it-tilar ta’ wara biex dan sar wieħed ġdid u llum jista’ wieħed faċilment jekk it-tila tiddendel minħabba kambjament fl-atmosfera wieħed jista’ jerġa’ jiftaħhom mingħajr ma jkollu għalfejn jagħmel intervent qawwi.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif permezz ta’ dan il-proġett, il-Fondi Ewropej qed jitgawdew fil-qalba tal-komunità.
“Dan il-proġett illi qed jiġi inawgurat illum huwa parti minn kullana ta’ proġetti li qegħdin nagħmlu flimkien mal-Fondazzjoni ta’ Patrimonju Ekklesjastiku, illi fit-total tiegħu jiswa €4.5 miljun.”